L-Eżaltazzjoni Tas-Salib

Posted by on September 12, 2014 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-Eżaltazzjoni Tas-Salib

L-Ewwel Qari

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri

F’dak iż-żmien: Xħin refgħu l-kamp u telqu mill-muntanja Ħor, l-Israelin qabdu t-triq tal-Baħar tal-

Qasab biex jeħduha bid-dawra ma’ Edom.

Imma l-poplu tilef sabru b’dan it-tul kollu, u beda jgemgem għal Alla u għal Mosè u jgħid:

“Għaliex tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? La ħobż u lanqas ilma ma hawn, u dan

l-ikel ħafif xbajna minnu!”

Għalhekk il-Mulej bagħat ħafna sriep jaħarqu qalb in-nies u bdew jigdmuhom hekk li mietu

ħafna minn Israel. U ġie l-poplu għand Mosè u qallu: “Dnibna, għax għidna kontra l-Mulej u

kontrik; itlob għalina quddiemu biex jeħlisna minn dawn is-sriep.”

Mosè talab għall-poplu, u l-Mulej qallu: “Agħmel serp jaħraq u qiegħdu fuq arblu: kull min

ikun migdum u jħares lejh ifiq.” Mela Mosè għamel serp tal-bronż, qiegħdu fuq arblu, u meta xi

ħadd kien jisfa’ migdum mis-serp, kien iħares lejn is-serp tal-bronż u jfiq.

 

SALM RESPONSORJALI

 

RI: Tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla!

 

Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi,

iftħu widnejkom għal kliem fommi.

Niftaħ fommi biex inxandar kliem il-għerf,

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem. RI.

 

Kienu jfittxuh meta kien jeqridhom,

kienu jindmu u jfittxu ’l Alla bil-ħerqa.

Kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom,

Alla l-Għoli l-feddej tagħhom. RI.

 

Imma kienu jqarrqu bih bi kliemhom,

kienu jigdbulu bi lsienhom.

Għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu,

ma kinux fidili mal-patt tiegħu. RI.

 

Iżda hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija,

ma kienx jasal biex jeqridhom;

ħafna drabi kien iżomm il-korla,

ma kienx jixgħel qilltu kollha. RI.

 

It-Tieni Qari

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’

minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħal bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib .

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex bl-

Isem ta’ Ġesù, fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkopptejhom,

u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

 

Hallelujah. Hallelujah.

Nadurawk, Kristu, u nberkuk, għax b’Salibek fdejt id-dinja.

Hallelujah!

 

L-Evanġelju

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Nikodemu: “Ħadd ma tela’ s-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-

bniedem. U kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jinħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull

min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu

l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex

bih hija ssalva.”

Ikkummenta