Il-Purċissjoni tar-Rużarju

Posted by on October 11, 2014 in Featured Article, Kummissjoni Liturgija | 0 comments

Il-Purċissjoni tar-Rużarju

Fit-tieni Ġimgħa t’Ottubru, bħal kull sena, il-kummissjoni liturgija flimkien mal-Kappillan, tieħu ħsieb li torganiżza l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li tinsab fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan.  Din il-purċissjoni din is-sena ħabtet il-Ġimgħa 10 t’Ottubru 2014.  Mas-sitta u nofs ta’ fil-għaxija, bdew jinstemgħu il-qniepen tal-knisja biex ifakkru l-parruċċani li kien qed joqrob il-ħin għall-Quddiesa kantata tas-7.00pm.  Il-Quddiesa tmexxiet mill-kappillan Fr Claude Portelli.  Wara l-Quddiesa, ir-reffiegħa flimkien ma dawk kollha involuti bdew l-aħħar preparamenti li wasslu għall-ħruġ tal-purċissjoni.

 

It-talb kollu waqt il-purċissjoni tmexxa minn Fr Claude mgħejjun minn Fr Paul Mizzi li prepara meditazzjonijiet qosra imma attwali b’riflessjonijiet fuq il-familja u s-sinodu tal-Isqfijiet.  Il-kant tmexxa minn kanturi li jagħtu s-servizz tagħhom b’mod regolari fil-parroċċa.  Il-poplu preżenti ipparteċipa permezz tat-talba tar-Rużarju u l-kant.

 

Minħabba xogħol li qed isir fi Triq Wied Għomor, kellu jsir tibdil fir-rotta tal-purċissjoni li pero’ wkoll intlaqgħet tajjeb ħafna.  Il-format tat-talb u l-qari matul il-purċissjoni wkoll kien differenti mis-soltu.  L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju meqjuma fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan hija xogħol l-istatwarju Senglean Karlu Darmanin fl-aħħar tas-seklu 19.  Dan huwa l-istess statwarju li ħadem l-istatwa artistika ta’ San Ġiljan.

 

 

 

This slideshow requires JavaScript.

Ikkummenta