L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi
l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli
fuq għolja għammiela.
Għażaqha u naddafha miż-żrar,
u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;
bena torri f’nofsha,
u wkoll ħaffer magħsar fiha.
Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,
iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.
U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm,
irġiel ta’ Ġuda,
agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.
X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi
u ma għamiltux?
Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,
u kull ma għamlet kien għeneb qares.
U issa ħa nurikom
x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.
Inneħħilha l-ilqugħ ta’ madwarha, u jħarbtuha;
inġarrfilha l-ħajt,
biex in-nies tgħaffiġha.
Nagħmel minnha xagħra;
ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,
u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.
Jien ngħid lis-sħab
biex ma jagħmilx xita fuqha!
Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej ta’ l-eżerċti
hija d-dar ta’ Iżrael;
u l-irġiel ta’ Ġuda
huma l-mixtla ta’ l-għalqa tiegħu.
Huwa stenna l-ġustizzja,
u araw sab it-tixrid tad-demm,
stenna s-sewwa,
u araw sama’ l-għajat tal-maħqura.
Salm Responsorjali
Rl . : Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael
Inti qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-xmara ż-żraġen tagħha. Rl.
Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,
il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha. Rl.
Erġa’ ejja, Alla ta’ l-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. Rl.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek.
Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru
lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem
li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u
moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.
Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull
ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed
l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma
ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu.
U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina,
agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Jien għażilt lilkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari miill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu:
«Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u
ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer
magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art
oħra.
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk
il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu
lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.
Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom
l-istess.
Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu,” qal. Iżda kif raw
lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew
noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.” Qabduh, xeħtuh
’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom
lil dawk il-bdiewa meta jiġi?» Qalulu: «Jeqridhom bla ħniena,
ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu
l-frott fi żmienu.»
Qalilhom Ġesù: «Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna?”
Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom
u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.»