Marija, Omm l-Evanġeliżżazzjoni

Posted by on October 1, 2014 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Marija, Omm l-Evanġeliżżazzjoni
Spread the love

 

Marija, Omm l-Evanġeliżżazzjoni                         

 

Għal dan ix-xahar t’Ottubru xtaqt naqsam magħkom ftit riflessjonijiet meħudin mill-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium tal-Papa Franġisku. Lejn l-aħħar tal-Eżortażżjoni (paragrafu 284-288) l-Papa joffrilna riflessjonijiet fuq Marija bħala Omm l-evanġelizzazzjoni. Papa Franġisku jgħid li flimkien mal-Ispirtu s-Santu, qalb il-poplu hemm dejjem Marija.  Hi kienet tiġbor madwarha lid-dixxipli biex isejħu l-qawwa tiegħu (Atti 1:14), u hekk għamlet possibbli dik l-isplużjoni missjunarja li seħħet nhar Għid il-Ħamsin.  Hi Omm il-Knisja li tevanġelizza u mingħajrha ma nistgħux nifhmu b’mod sħiħ l-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni ġdida. (Evangelii Gaudium,284)

Fuq is-salib, waqt li Kristu kien qed ibati f’ġismu l-laqgħa drammatika bejn id-dnub tad-dinja u l-ħniena ta’ Alla, seta’ jilmaħ biswit riġlejh il-preżenza kollha faraġ tal-Omm u tad-dixxiplu l-maħbub.  F’dak il-waqt kruċjali, qabel stqarr b’mitmuma l-ħidma li l-Missier kien fdalu f’idejh, Ġesù qal lil Marija: “Mara, hawn hu ibnek”.  Imbagħad qal lid-dixxiplu l-maħbub: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27).  Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù fuq l-għatba tal-mewt l-ewwel nett ma jesprimux xi tħassib mimli ħniena għal ommu, imma pjuttost huma formula ta’ rivelazzjoni li tixkef il-misteru ta’ missjoni speċjali ta’ fidwa.  Ġesù ħallielna lil ommu biex tkun omm tagħna.  Kien biss wara li għamel dan li Ġesù seta’ jħoss li “kollox hu mitmum” (Ġw 19:30).  F’riġlejn is-salib, fis-siegħa l-kbira tal-ħolqien ġdid, Kristu jibgħatna għand Marija.  Jibgħatna għandHa għax ma jridx li nimxu mingħajr omm, u l-poplu f’dik ix-xbieha ta’ omm jaqra l-misteri kollha tal-Vanġelu.  Il-Mulej ma jridx li l-Knisja tiegħu tkun nieqsa mill-ikona femminili.  Hi, li nisslitu b’fidi hekk kbira, tissieħeb ukoll “mal-bqija ta’ nisilha, ma’ dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù” (Apok 12:17).  Ir-rabta intima bejn Marija, il-Knisja u kull fidil, li, f’xejriet diversi, inisslu lil Kristu, ġiet imfissra bi kliem mill-isbaħ mill-Beatu Iżakk tal-Istilla: “Fl-Iskrittura mnebbħa minn Alla,  dak li b’mod ġenerali nifhmu għall-Knisja, verġni u omm, nifhmuh b’mod partikulari għall-Verġni Marija […]  Bl-istess mod nistgħu ngħidu li kull ruħ fidila hi għarusa tal-Verb ta’ Alla, omm ta’ Kristu, bint u oħt, verġni u omm għammiela […]  Kristu baqa’ għal disa’ xhur f’ġuf Marija, jibqa’ fit-tabernaklu tal-fidi tal-Knisja sat-temma tas-sekli; u, fl-għarfien u fl-imħabba tar-ruħ fidila, għal dejjem ta’ dejjem” (Evangelii Gaudium,285)

Marija hi dik li għar tal-annimali taf tibdlu f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u ħafna ħlewwa.  Hi l-qaddejja ċkejkna tal-Missier li taqbeż bil-ferħ fit-tifħir.  Hi dik is-sieħba dejjem attenta li ma jmurx jonqos l-inbid fil-ħajja tagħna.  Hi dik b’qalbha minfuda mis-sejf, li tista’ tifhem l-uġigħ kollu tagħna.  Bħala omm ta’ kulħadd, hi sinjal ta’ tama għall-ġnus li qed ibatu l-uġigħ tal-ħlas sakemm jasal iż-żmien li twarrad il-ġustizzja.  Hi l-missjunarja li tersaq qrib tagħna biex tissieħeb magħna f’ħajjitna, u bl-imħabba tagħha ta’ omm tiftħilna qalbna għall-fidi.  Bħala omm tassew, timxi magħna, tissielet magħna, u xxerred bla waqfien l-imħabba ta’ Alla li hu qrib tagħna.  (Evangelii Gaudium,286)

 

Fr Claude

Ikkummenta