It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 10, 2014 in Kummissjoni Liturgija, Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Jagħmel il-Mulej ta’ l-eżerċti

għall-popli kollha fuq din il-muntanja,

mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,

b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.

U jċarrat minn fuq din il-muntanja

il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,

għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.

Jeqred il-mewt għal dejjem,

jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,

u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:

għax il-Mulej tkellem.

U dakinhar jgħidu: «Dan hu Alla tagħna:

fih ittamajna li jsalvana;

dan hu l-Mulej li fih ittamajna:

nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.

Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja.»

 

Salm Responsorjali

Rl. Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. Rl.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. Rl.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. Rl.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! Rl.

 

It-Tieni Qari

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, naf ngħix fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod

għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ

bis-saħħa ta’ dak li jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu

miegħi tbatijieti.

Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana

tal-glorja fi Kristu Ġesù. Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem

ta’ dejjem. Amen.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,

jagħtikom spirtu ta’ għerf

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

Rl. Hallelujah

 

Evanġelju

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’

qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: «Is-saltna tas-smewwiet

tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat

għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk

ma ridux jiġu.

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara,

il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula

u kollox lest; ejjew għall-festa.” Iżda dawk ma tawx kas; min mar

l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja

tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna,

u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom

il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk

ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u

sejħu għall-festa lil kull min issibu.” Dawk il-qaddejja ħarġu

fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet

bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien

hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes

għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix

liebes għall-festa?” Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk

li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra

fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”

Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!»

 

Ikkummenta