L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Posted by on November 29, 2014 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Int, Mulej, missierna,

ismek il-Feddej tagħna minn dejjem.

Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek,

u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?

Erġa’ lura minħabba l-qaddejja tiegħek,

it-tribujiet li huma wirtek.

Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!

U jitheżżu l-muntanji quddiemek

meta int tagħmel għeġubijiet li ma konniex nistennew,

u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!

Widna qatt ma semgħet,

għajn qatt ma rat Alla bħalek,

Alla li jħabrek għal min jittama fih.

Int tilqa’ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ,

lil dawk li jiftakru fi triqatek.

Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna.

Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien.

Tniġġisna lkoll kemm aħna,

bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna;

bħal werqa lkoll dbilna

u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.

Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,

li jitħarrek biex iżomm miegħek.

Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna f’idejn ħżunijietna.

Madankollu, Mulej, int missierna;

aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;

aħna lkoll għemil idejk.

 

Salm Responsorjali

 Rl. : Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;

itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi

 

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,

Int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi:

Qajjem il-qawwa tiegħek,

u ejja ħa ssalvana. Rl.

 

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur ‘il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik. Rl.

 

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: Grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù

Kristu!

Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja

li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox,

f’kull kelma, f’kull għerf daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet

imwettqa fikom.

Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew

id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar

biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm

kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna

Ġesù Kristu.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Rl. Hallelujah

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Kunu għajnejkom

miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta

bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja

tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’

jishar.

Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija,

jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ,

li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.

U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd:

ishru!»

Ikkummenta