Liturġija tal-Ħadd: Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu

Posted by on November 20, 2014 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Liturġija tal-Ħadd: Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi

u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta

jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien

fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab

u s-swied ta’ l-ajru.

Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom. Oraklu ta’

Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda,

ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina

u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja.

Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara, jiena

nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa, bejn imtaten u bdabad.

 

Salm Responsorjali

Rl. : Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Rl.

 

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu. Rl.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. Rl.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost

dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt,

bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma

l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.

Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu;

wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad

it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li

jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ

li hu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.

L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.

U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben stess

jitqiegħed taħt Dak li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun

kollox f’kollox.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Mbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!

Rl. Hallelujah

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Meta jiġi Bin

il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad

joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus

kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ

mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u

l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew,

imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet

għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u

tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont

għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu

żżuruni.”

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek,

jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri

u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma

għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn

quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u

għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont

bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u

ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew

bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma

waqafniex miegħek?” Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew,

ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar,

anqas miegħi ma għamiltuh.”

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.»

Ikkummenta