Il-Magħmudija tal-Mulej

Posted by on January 9, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Magħmudija tal-Mulej

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Hekk jgħid il-Mulej:

«Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;

intom ukoll li m’għandkomx flus.

Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,

inbid u ħalib bla ħlas.

Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,

u ġidkom f’dak li ma jxebbax?

Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,

u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

Agħtuni widen u ersqu lejja,

isimgħu u tieħdu r-ruħ.

Nagħmel patt magħkom għal dejjem,

biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.

Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,

prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.

Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;

ġnus li ma jafukx jiġru lejk,

minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,

il-Qaddis ta’ Iżrael,

għax lilek żejjen bil-ġieħ.

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,

sejħulu sakemm hu fil-qrib!

Ħa jħalli triqtu l-midneb,

u l-bniedem il-ħażin fehmietu;

ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,

għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,

u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom, oraklu tal-Mulej.

Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,

daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,

u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,

u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,

imma jġegħluha tnissel u tnibbet,

u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol,

hekk jiġri minn kelmti:

hija toħroġ minn fommi,

u ma terġax lura vojta,

imma tagħmel dak li jogħġob lili,

u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.»

 perugino-baptism-christ-NG1431-fm

Salm Responsorjali

Rl. : Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni

 

Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni. Rl.

 

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli. Rl.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael? Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Ħuti, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla,

u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn

dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu

l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu

l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax

kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq

id-dinja: il-fidi tagħna. Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk

mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla?

Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma

biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu

l-verità. Tlieta huma dawk li jixhdu: l-Ispirtu, l-ilma u d-demm, u

t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. Jekk aħna nilqgħu x-xhieda

tal-bnedmin, ix-xhieda ta’ Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti

dwar Ibnu.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal:

«Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.»

Rl. Hallelujah

 

Sb-Baptism

 

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: «Ġej warajja

min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll

il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa

jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.»

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u

tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’

mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel

fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: «Inti ibni l-għażiż; fik sibt

l-għaxqa tiegħi.»

 

 

3333333333333

Ikkummenta