Nibdew is-Sena taħt il-ħarsien ta’ Marija Omm Alla

Omm Alla – Dan huwa t-titlu ewlieni u essenzjali tal-Madonna. Liema titlu niċċelebraw fl-Ewwel Jum tas-sena. Din hija kwalita’, rwol, li l-fidi tal-poplu Nisrani, fid-devozzjoni ġenwina u tenera tiegħu lejn l-Omm tas-sema, għarfet minn dejjem.

Ejjew niftakru dak il-waqt kbir tal-istorja tal-Knisja antika meta fil-Konċilju ta’ Efesu kienet ġiet definita b’mod awtorevoli l-maternita’ divina tal-Verġni Marija.  Il-verita’ dwar il-maternita’ divina ta’ Marija sabet eku Ruma fejn, ftit wara, ġiet mibnija l-Bażilka ta’ Santa Marija Maggiore, l-ewwel santwarju marjan ta’ Ruma u tal-Punent kollu, u fejn hija meqjuma x-xbiha ta’ Omm Alla – it-Theotokos – taħt it-titlu Saħħa tal-poplu Ruman.  Jirrakkuntaw li n-nies ta’ Efesu waqt il-Konċilju iltaqgħu fil-ġnub tal-bieb tal-bażilka fejn kienu qed jiltaqgħu l-Isqfijiet u għajjtu: “Omm t’Alla”.  Fil-waqt li l-fidili kienu qed jitolbu li jiġi uffiċjalment definit dan it-titlu tal-Madonna, kienu qed juru li jagħarfu l-maternita’ divina.  Huwa l-atteġġjament spontanju u sinċier ta’ wlied li kienu jafu sewwa l-Omm tagħhom, għax kienu jħobbuha b’tenerezza kbira ħafna.  Imma huwa aktar minn hekk: huwa is-sens tal-fidi  tal-poplu qaddis t’Alla, li qatt meta huwa mgħaqud ħaġa waħda, qatt ma jiżbalja.

Marija hija minn dejjem preżenti fil-qalb, fid-devozzjoni u fuq kollox fil-mixja ta’ fidi tal-poplu nisrani.  “Il-Knisja timxi fiż-żmien … u f’din il-mixja tgħaddi tfassal għal darb’oħra l-istess triq li wettqet il-Verġni Marija” (Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris Mater, 2).  It-triq tagħna tal-fidi hija l-istess bħal dik ta’ Marija; għalhekk inħossuha b’mod partikulari qribna!  Għal dak li għandu x’jaqsam mal-fidi, li hija ċ-ċappetta tal-ħajja nisranija, l-Omm t’Alla qasmet magħna l-kundizzjoni tagħna bħala bnedmin, kellha timxi l-istess toroq li ngħaddu aħna, xi drabi diffiċli u mdallmin, kellha timxi ‘l quddiem fil- “pellegrinaġġ tal-fidi” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Lumen Gentium, 58).

Il-mixja tagħna ta’ fidi hija marbuta, b’mod li ma jinħallx, ma’ Marija mill-waqt meta Ġesu’ li kien qiegħed imut fuq is-salib tahielna bħala Omm u qal: “Din hija ommok” (Ġw 19, 27).  Dawn il-kelmiet għandhom il-valur ta’ testment u jagħtu Omm lid-dinja.  Minn dak il-waqt, l-Omm t’Alla saret ukoll Ommna!  Fis-siegħa li fiha l-fidi tad-dixxipli kienet qed tiġi kważi maqsuma b’tant diffikultajiet u inċertezzi, Ġesu’ jafdaha f’Dik li kienet l-ewwel waħda li emmnet, u li l-fidi tagħha qatt ma ġiet nieqsa.  U l-“mara” ssir Omm tagħna fil-mument li fih titlef l-Iben divin tagħha.  Il-qalb tagħha miġruħa titwessa’ biex tagħti post għall-bnedmin kollha, tajbin u ħżiena, kulħadd, u li tħobbhom bħalma kien iħobbhom Ġesu’.  Il-mara li fit-tieġ ta’ Kana tal-Galilija kienet tat il-koperazzjoni tagħha ta’ fidi biex jiġu mgħarrfa l-meravilji ta’ Alla fid-dinja; fuq il-kalvarju żżomm mixgħula l-fjamma tal-fidi fil-qawmien ta’ Binha, u din tgħaddiha bi mħabba ta’ omm lill-oħrajn.  Hekk Marija ssir għajn ta’ tama u ta’ ferħ veru!

O Marija fil-bidu ta’ din is-sena ġdida kun int li takkumpanjana fil-mixja tal-ħajja tagħna ta’ kuljum biex ngħarfu nħobbu iżjed lil Ibnek Ġesu.

Nawguralkom ilkoll xewqat ta’ paċi, hena u ġid fil-bidu tas-Sena Ġdida 2015.

Fr Claude

About the author

Comments

Ikkummenta