Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Posted by on April 25, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: “Kapijiet
tal-poplu u xjuħ, intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid
li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. Mela kunu afu
intom ilkoll, u l-poplu kollu ta’ Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn
quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù
Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet.
Dan Ġesù hu l-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla
tax-xewka.
F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma
hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu
salvi.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Aħjar tiskenn fil-Mulej
milli tittama fil-bnedmin.
Aħjar tiskenn fil-Mulej
milli tittama fil-kbarat. Rl.
 
Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. Rl.
 
Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu
wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex,
għax ma għarfitx lilu.
Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem
mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna
nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb
jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li
n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab;
u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-
nagħaġ.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ
tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf
lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ
oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u
huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.
Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’
neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi
setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni
li ħadt mingħand Missieri.”

Ikkummenta