Mhux hawn, imma Qam !

Posted by on April 4, 2015 in Featured Article, Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Mhux hawn, imma Qam !

Fil-knejjes kollha mxerrdin madwar id-dinja tidwi l-aħbar tal-anġlu lin-nisa: «Tibżgħux!  Naf li qed tfittxu lil Ġesù, l-imsallab.  Mhux hawn.  Qam…… ejjew araw il-post fejn kien qiegħed» (Mattew 28, 5-6).

Dan hu l-qofol tal-Vanġelu, hija l-Bxara t-Tajba per eċċellenza: Ġesù, l-imsallab, qam mill-mewt!  Dan l-avveniment hu l-bażi tal-fidi tagħna u tat-tama tagħna:  kieku Kristu ma qamx, il-Kristjaneżmu kien jitlef il-valur tiegħu: il-missjoni kollha tal-Knisja kienet titlef l-imbuttatura tagħha, għax minn hemm bdiet u minn hemm tibqa’ titlaq dejjem.  Il-messaġġ li l-insara jwasslu lid-dinja hu dan: Ġesù, l-imħabba inkarnata, miet fuq is-salib għad-dnubiet tagħna, imma Alla l-Missier qajjmu u għamlu Sid tal-ħajja u tal-mewt.  F’Ġesù l-imħabba għelbet ‘il-mibgħeda, il-ħniena d-dnub, it-tajjeb, il-ħażen, il-verità, lill-gideb, il-ħajja, l-mewt.

Għal din ir-raġuni aħna ngħidu lil kulħadd: « Ejjew u araw !».  F’kull sitwazzjoni umana mmarkata bil-fraġilità tad-dnub u tal-mewt, l-Aħbar it-Tajba mhix biss kelma imma hija xhieda ta’ mħabba gratwita u fidila: ifisser li wieħed joħroġ minnu nnifsu biex jiltaqa’ mal-ieħor, ifisser li jkun qrib ta’ min hu miġrugħ bil-ħajja, ifisser li taqsam ma’ min m’għandux dak li jeħtieġ, ifisser tibqa’ qrib il-marid, l-anzjan, l-imwarrab…….. «Ejjew u taraw !»: l-Imħabba hija aktar qawwija, l-Imħabba tagħti l-ħajja, l-imħabba twarrad it-tama fid-deżert.

B’din iċ-ċertezza ferrieħa fi qlubna, illum induru lejk Mulej irxuxtat!

Għinna nfittxuk sabiex ilkoll inkunu nistgħu niltaqgħu miegħek, inkunu nafu li għandna Missier u ma’ nħossuniex orfni, inkunu nistgħu nħobbuk u nadurawk.

 

Fr Claude

 

Ikkummenta