It-Tielet Ħadd tal-Għid

Posted by on April 17, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tielet Ħadd tal-Għid

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qal lill-poplu: “Alla ta’ Abraham,
Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika
lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem
Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. Intom ċħadtu
l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu
lill-awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet,
u ta’ dan aħna xhieda.
Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom,
għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. Imma b’hekk Alla temm dak
li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija
tiegħu kellu jbati. Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom
biex jinħafrulkom.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek
 
Weġibni, meta nsejjaħlek,
Alla tal-ġustizzja tiegħi;
oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq,
ħenn għalija u isma’ talbi. Rl.
 
Kunu afu li l-Mulej
wera tjieba kbira miegħi;
jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu. Rl.
 
Ħafna jgħidu: “Min jurina r-riżq?”
Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.
Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem,
għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi
ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù
Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss,
iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.
U b’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti
tiegħu. Min jgħid: “Jiena nafu” u ma jżommx il-kmandamenti
tiegħu, hu giddieb u l-verità mhijiex fih. Iżda kull min iżomm il-
kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Mulej Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;
ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn
Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu
magħħom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim
tal-ħobż.
Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u
qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax
ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex
tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u
riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u
għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” Huwa u jgħidilhom
dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom,
kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom:
“Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?” Huma ressqulu quddiemu
biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.
Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom
dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè,
fil-Profeti u fis-Salmi.” Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu
l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u
fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra
tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn
Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom
lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla
jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”

Ikkummenta