Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

Posted by on April 2, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom: “Dan

ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel

xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u għidilhom:

Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull

familja, wieħed kull dar. Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh

kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru,

skont in-numru tan-nies; skont kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk

tqisuh il-ħaruf.

Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu

min-nagħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sal-erbatax ta’

dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Iżrael toqtlu bejn inżul

ix-xemx u d-dlam. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh

fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. F’dik

il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix

morr. U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u

l-ħatar f‘idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej!

Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob lil kull min

hu l-ewwel fost l-imwelldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u

nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jaħweh!

Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien

xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom

meta jien nidrob l-art tal-Eġittu. Dak il-jum ikun għalikom jum

ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din

l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin.”

 

Salm Responsorjali

Rl. Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. Rl.

 

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. Rl.

 

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu. Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom,

jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li

radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu

dan b’tifkira tiegħi.”

Hekk ukoll għamel bil-kalċi, wara li kiel, qal: “Dan il-kalċi hu l-patt

il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.”

Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom

ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Nagħtikom kmandament ġdid,

jgħid il-Mulej:

li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu

biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb

lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Kienu qegħdin

għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota

u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox

f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam

minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu

ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn

id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.

Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli

saqajja?” Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel

jien; tifhmu aktar ’il quddiem.” Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti

taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma

jkollokx x’taqsam miegħi.” Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux

saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll.” Qallu Ġesù: “Min hu maħsul,

ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm

hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll.” Għax hu kien jaf min

kien sejjer jittradih; għalhekk qal, “M’intomx ilkoll indaf.”

Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq

il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli

l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk

jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom

għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif

għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.”

Ikkummenta