Għid il-Ħamsin

Posted by on May 23, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Għid il-Ħamsin

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post
wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u
mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom
tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew
ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma
l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon
li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra
kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom
jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu:
“Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela
kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art
twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja,
mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja,
mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li
ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta
u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna
l-għeġubijiet ta’ Alla!”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art
 
Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. Rl.
 
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. Rl.
 
Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet
tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu
hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma
jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.
Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. L-għemejjel
tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija,
seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti,
invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma
wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’
Alla. Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar,
il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma
hemmx liġi.
Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u
l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.
 

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.
O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.
Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.
O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.
Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.
Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.
Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.
Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.
Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur,
li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej
mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom
kontu miegħi sa mill-bidu.
Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux
għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità
kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li
jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu
minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu
l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi
u jħabbru lilkom.”

Ikkummenta