Liturġija tas-Sitt Ħadd tal-Għid

Posted by on May 9, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Liturġija tas-Sitt Ħadd tal-Għid

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  10, 25-26.  34-35.  44-48.

 

X’ħin wasal Pietru, Kornelju mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima.  Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum.  Jien bniedem ukoll!”  U Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa qiegħed nifhem kemm hu veru li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ, imma jilqa’ ’l min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema ġens ikun.”

 

Waqt li Pietru kien għadu qiegħed igħid dan il-kliem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh.  Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif id-don tal-Ispirtu s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll.  Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla. Imbagħad Pietru qal:  “Jista’ xi ħadd jiċħad l-ilma tal-Magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?”  U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’ Kristu.  Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal ftit jiem magħhom.

 

Salm Responsorjali

Ritornell:  IL-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.

Salm 97

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

Għax għamel l-għeġubijiet:

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu

U d-driegħ imqaddes tiegħu.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

F’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu,

Ftakar fi tjubitu u fil-fedeltà tiegħu,

Għal dar Israel.

 

Raw it-truf kollha tal-art

Is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha

Infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Evanġelista.  4, 7-10.

Għeżież, ejjew inħobbu lil xulxin, għax l-Imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla.  Dak li ma  jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.  B’dan dehritilna l-Imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex ngħixu bih.  U hawn qiegħda l-Imħabba: mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna.

 

L-Evanġelju

Versett: Hallelujah! Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, igħid il-Mulej; u issieri jħobbu, u aħna niġu għandu. Hallelujah!

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.  15, 9-17.

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:  “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena.  Ibqgħu fl-Imħabba teigħi.  Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi Mħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi Mħabbtu.

Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikomm u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.  Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.  Intom ħbiebi,jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom.  Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltuni iżda jien għażiltkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu ħafna frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kul ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagġtihulkom.  Dan hu li jiena qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xuxlin.”

 

Ikkummenta