“Agħtuhom Intom x’ Jieklu” (Lq 9:13) 

Posted by on June 1, 2015 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

 “Agħtuhom Intom x’ Jieklu” (Lq 9:13) 

 

Min huma dawn li rridu nagħtuhom x’jieklu?  It-tweġiba nsibuha fil-ftuħ tas-silta mill-Vanġelu: hi l-folla, il-kotra tan-nies.  Ġesù jinsab qalb in-nies, jilqagħhom, jitkellem magħhom, jieħu ħsiebhom, jurihom il-ħniena ta’ Alla; minn fosthom jagħżel lit-Tnax-il Appostlu biex jibqgħu miegħU u bħalu jintefgħu qalb is-sitwazzjonijiet konkreti tad-dinja.  U n-nies timxi warajh, tisimgħu, għax Ġesù jitkellem u jġib ruħu b’mod ġdid, bl-awtorità ta’ min hu awtentiku u koerenti, ta’ min jitkellem u jaġixxi bil-verità, ta’ min jagħti t-tama li tiġi minn Alla, ta’ min hu rivelazzjoni tal-Wiċċ ta’ Alla li hu mħabba.  U n-nies, bil-ferħ kollu, tbierek lill-Mulej.

Nistaqsu lilna nfusna: Kif qed nimxi wara Ġesù?  Ġesù jitkellem fis-skiet tal-Misteru ta’ l-Ewkaristija u kull darba jfakkarna illi li nimxu warajh ifisser li noħorġu minna nfusna u nagħmlu minn ħajjitna mhux oġġett li naħtfu taħt idejna, imma don lilU u lill-oħrajn.

Immiddu pass ieħor ’il quddiem: Mnejn tinbet l-istedina li Ġesù jagħmel lid-dixxipli biex huma stess jitimgħu lill-ġmiegħi?  Ġejja minn żewġ elementi: qabel xejn mill-folla li, meta timxi wara Ġesù, issib ruħha fil-beraħ, imbiegħda mill-postijiet mgħammra min-nies, waqt li qed jidlam, u mbagħad mit-tħassib tad-dixxipli li jitolbu lil Ġesù biex jibgħat lill-folla fl-irħula tal-qrib biex issib fejn tiekol u torqod (ara Lq 9:12).  Quddiem il-bżonn tal-folla, din hi s-soluzzjoni tad-dixxipli: kulħadd jaħseb għalih innifsu; ikeċċi lill-folla!  Kemm drabi aħna l-Insara ninħakmu minn din it-tentazzjoni!  Ma nħossuniex responsabbli tal-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn, u nkeċċuhom b’xi kumment twajjeb bħal “Il-Mulej jgħinek”, jew b’kumment mhux tant twajjeb bħal “Ix-xorti t-tajba”, u jekk ma narakx iżjed…  Imma s-soluzzjoni ta’ Ġesù tfittex direzzjoni oħra, direzzjoni li tħalli lid-dixxipli mbellha: “Agħtuhom intom x’jieklu”.  Imma kif jista’ jkun li aħna nagħtu x’jieklu lil daqstant nies?  Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha” (Lq 9:13).  Imma Ġesù ma jħallix minn jaqtagħlu qalbu: jitlob lid-dixxipli biex iqiegħdu bil-qiegħda lin-nies fi gruppi ta’ ħamsin persuna, jgħolli għajnejh lejn is-sema, jagħmel talba ta’ barka, jaqsam il-ħobż u jagħtih lid-dixxipli biex iqassmuh (ara Lq 9:16).  Hu mument ta’ komunjoni profonda: wara li qatgħet l-għatx bil-kelma tal-Mulej, il-folla issa taqta’ l-ġuħ bil-ħobż tiegħu tal-ħajja.  U kulħadd kiel u xaba’, iniżżel l-Evanġelista (ara Lq 9:17).

Anki aħna meta ninġabru madwar il-mejda tal-Mulej, madwar il-mejda tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, fejn Hu jagħtina mill-ġdid Ġismu, jagħmel preżenti s-sagrifiċċju waħdieni tas-Salib.  U meta nisimgħu l-Kelma tiegħu, meta nitmantnew bil-Ġisem u d-Demm tiegħu, Hu jgħaddina mill-istat ta’ ġmiegħi għal dak ta’ komunità, mill-anonimat għall-komunjoni.  L-Ewkaristija hi s-Sagrament tal-komunjoni, li jaqlagħna mill-individwaliżmu biex flimkien ngħixu s-sequela, il-fidi fiH.  Għalhekk jeħtieġ nistaqsu lkoll lilna nfusna quddiem il-Mulej: Kif qed ngħixha jiena l-Ewkaristija?  Ngħixha b’mod anonimu jew bħala mument ta’ vera komunjoni mal-Mulej, imma wkoll ma’ l-aħwa kollha li jaqsmu f’din l-istess mejda?  Kif qed ikunu ċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi tagħna?

Fr Claude

Ikkummenta