It-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

It-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Profeta kbir qam fostna, u Alla żar il-poplu tiegħu.

L-Ewwel Qari

Ma taqbiżx minn hawn il-qawwa tal-mewġ tiegħek.
 
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu:
«Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien,
meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,
meta bis-sħab libbistu,
u bid-dlam fisqejtu,
meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet,
u bibien li bihom għalaqtu
u għedtlu: “Sa hawn biss tasal u mhux aktar,
ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta’ mwieġek”?»
 

Salm Responsorjali

Rl. : Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu
 
Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. Rl.
 
Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. Rl.
 
Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa,
u sikket mewġ il-baħar. Rl.
 
Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. Rl.
 

It-Tieni Qari

Il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet
għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk
li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u
rxoxta għalihom.
Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil
Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed
jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal
il-ġdid.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna, u
Alla żar il-poplu tiegħu.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Dan min hu, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?
 
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Ejjew naqsmu
għax-xatt l-ieħor.» Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien
fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.
U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk
li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq
imħadda. Qajmuh u qalulu: «Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li
aħna se nintilfu?»
Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: «Iskot! Biżżejjed!» U
r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: «Dal-biża’ kollu
għaliex? Mela ma għandkomx fidi?»
U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: «Dan min hu,
mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?»

About the author

Ikkummenta