Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 10, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos
F’dak iż-żmien, Amasija, qassis ta’ Betel, qal lil Għamos: “Mur,
bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u ħobżok kulu hemm,
u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel
santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna.”
Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija:
“Jien m’iniex profeta,
lanqas bin profeta;
jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż.
Iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla,
u l-Mulej qalli: Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina
 
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. Rl.
 
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. Rl.
 
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’
barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.
Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi
permezz ta’ Ġesù Kristu;
hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,
li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,
il-maħfra tad-dnubiet,
skont l-għana tal-grazzja tiegħu.
Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.
Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu;
il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;
jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,
kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.
Fih aħna wkoll konna magħżula,
iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal
minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu,
sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu,
aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.
U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità,
l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha.
Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed;
li hu r-rahan tal-wirt tagħna
sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa
tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu
idawwal l-għajnejn ta’ qalbna
biex nagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn,
filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma
jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas
flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.
Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn
hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx,
itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda
kontrihom.”
Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u
dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

Ikkummenta