L-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
F’dak iż-żmien, daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja; u smajt
x’kien qiegħed jgħidli.
Qalli: “O bniedem, qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta’
nies rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma
u missirijiethom sal-lum stess. Huma nies wiċċhom sfiq u qalbhom
iebsa. Se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: “Dan jgħid Sidi
l-Mulej.” Jisimgħu u ma jisimgħux – nies ta’ ras iebsa huma
– ħa jkunu jafu li hemm profeta f’nofshom.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna
 
Lejk nerfa’ għajnejja,
int li tgħammar fis-smewwiet.
Ara, bħal għajnejn il-qaddejja
lejn id sidhom; hekk għajnejna lejn il-Mulej. Rl.
 
Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,
sa ma jkollu ħniena minna. Rl.
 
Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina,
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Imxebbgħa għall-aħħar ruħna
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, biex ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor
tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan,
biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.
Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda
hu weġibni: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi
tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”
Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex
il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq
bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet,
bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef,
inkun qawwi.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru
miegħu.
Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh
bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan
l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet
kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu
u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” U
huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu
u fost qrabatu u f’daru stess.” U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda
miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’
mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.
U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

About the author

Ikkummenta