Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 18, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej: “Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu l-merħla
tal-mergħa tiegħi – oraklu tal-Mulej.
Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja, li jirgħu
l-poplu tiegħi: Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixtuhom u ma
ħadtux aktar ħsiebhom. Arawni, se naħseb fikom jien minħabba
l-ħażen ta’ għemilkom – oraklu tal-Mulej.
U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi mill-artijiet kollha li
xerridthom fihom, u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom,
u jnisslu u joktru. U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, u ma
jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; u ħadd minnhom ma jonqos –
oraklu tal-Mulej.
Araw, għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej – meta nqajjem lil David
rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal u jagħmel
is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael
jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-Mulej is-Sewwa
tagħna.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni
 
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. Rl.
 
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. Rl.
 
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. Rl.
 
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa
tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu.
Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed,
billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna – u ħassar
bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha.
Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem
il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom
it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered
il-mibegħda ta’ bejniethom.
Imbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod,
u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna
għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull
ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom
biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” Għax tassew, kien
hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu
jħallulhom.
Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma
n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru
’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom,
għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad
jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Ikkummenta