Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on August 7, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

 
Bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi sa ma wasal fil-muntanja tal-Mulej.
 
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum
mixi waqaf, inxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: “Issa
biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!”
U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad.
Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: “Qum u kul!” Elija dawwar
wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u
raġa’ mtedd.
Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: “Qum
u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek.” Elija qam, kiel
u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u
erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej
 
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. Rl.
 
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. Rl.
 
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. Rl.
 
L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. Rl.
 

It-Tieni Qari

Imxu fl-imħabba, bħal Kristu.
 
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal
jum il-fidwa.
Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom,
u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal
xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.
Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu
fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu
għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema.
 
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dan iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal:
“Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.” U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex
Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif
qiegħed jgħid: “Jiena nżilt mis-sema”?”
Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’
jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu
mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: “U kulħadd
ikun imgħallem minn Alla.” Mela kull min jisma’ lill-Missier u
jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier
ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew
ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert,
u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma
jmutx.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn
dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi
għall-ħajja tad-dinja.”

Ikkummenta