Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on August 22, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Aħna rridu naqdu ’l-Mulej, għax hu Alla tagħna.
 
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè
F’dak iż-żmien: Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u
sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem
Alla. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu
l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu
jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li
f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej.”
U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej
biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna
u ’l missirijietna mill-art tal-Egittu, minn dar il-jasar, u li għamel
quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha
li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna.
Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej
 
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. Rl.
 
Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. Rl.
 
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. Rl.
 
Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu. Rl.
 
Il-ħażin ħżunitu teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. Rl.
 

It-Tieni Qari

Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.
 
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa
oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel
hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem
tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll
in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.
Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta
ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil
tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa,
bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa
u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu
n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu
jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda
jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax
aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.
Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’
martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed.
Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa
kbir!
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
 
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli
tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ
jisimgħu?” Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin
igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?
Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien
qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn.
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud
fostkom li ma jemmnux.” Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min
kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta
jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi
għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.”
Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux
imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom
ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti
għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li
inti l-Qaddis ta’ Alla.”

Ikkummenta