It-Tmintax il-Ħadd ta’ matul is-sena

Posted by on August 2, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tmintax il-Ħadd ta’ matul is-sena

 

 

Qari mill-Ktieb tal-Esodu.  16, 2-4, 12-15.

 

F’dak iż-żmien: Fid-deżert, il-ġemgħa ta’ wlied Israel bdew igergru kontra Mosè u Aron.  Ulied Israel qalulhom: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’!  Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”

 

Il-Mulej imbagħad qal lil Mosè: “Ara, se nibagħtilkom xita ta’ ħobż mis-sema.  Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minnu minn jum għall-ieħor kemm ikun meħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le.  Jien smajt it-tgergir ta’ wlied Israel.  Kellimhom u għidilhom: Filgħaxija tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż.  U tkunu tafu li jiena l-Mulej, Alla tagħkom.”

 

U ġara li filgħaxija dehret qatgħa summien tittajjar fil-għoli u għattiet it-tined kollha, u filgħodu kien hemm kisja nida madwar it-tined.  Meta din il-kisja nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa tħaxwex qisha ġlata fuq l-art.  Malli wlied Israel raw dan, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Man-hu?  Dan x’inhu?” – Għax ma għarfux x’inhu.  Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel li l-Mulej takom biex tieklu.”

 

Salm Responsorjali

 

Ritornell:  Il-Mulej tahom il-qamħ mis-sema.

 

Dak li smajna u sirna nafu,

U missirijietna ħabbruhulna,

Lin-nisel li ġej inxandruh:

Tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,

U l-għeġubijiet li għamel.

 

Hu kkmanda s-sħab fil-għoli,

U fetaħ bwieb is-sema,

U xita ta’ manna bagħatilhom x’jieklu,

Tahom il-qamħ mis-sema.

 

Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,

U ikel bix-xaba’ bagħatilhom.

U daħħalhom fil-post qaddis tiegħu,

Il-muntanja li kisbet il-leminija tiegħu.

 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  4, 17. 20-24.

 

Ħuti: Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux ruħkom skont ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta’ moħħhom.

 

Intom mhux hekk tgħallimtuh ’il Kristu, jekk għallinqas smajtuh u tgħallimtuh skont is-sewwa li hu f’Ġesù, jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu ’l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u tiġġeddu fl-ispirtu tal-fehma tagħkom u tilbsu ’l-Bniedem il-Ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

 

Versett:  Hallelujah! Il-Kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja; inti għandek il-kliem tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  6, 24-35.

 

F’dak iż-żmien: In-nies, meta ntebhu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu ’l Ġesù.  U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar, staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”

 

Ġesù weġibhom u qal: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni, mhux għax rajtu sinjali imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.  Aħdmu, mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-Bniedem se jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier issiġilla.” Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex naħdmu għall-għemejjel ta’ Alla?”  Weġibhom Ġesù u qal:  “L-għemil ta’ Alla hu dan: li intom temmnu f’dak li bagħat.”

 

U huma staqsewh:  “X’sinjal se turina biex aħna nemmnu fik?  X’sejjer tagħmel?  Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”.

 

Weġibhom Ġesù: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għax il-ħobż ta’ Alla hu dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.” “Mulej,”  qalulu huma, “agħtina dejjem minn dan il-ħobż”.  Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.  Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.”

Ikkummenta