Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on September 18, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 1 comment

Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Għerf
In-nies il-ħżiena qalu:
“Nonsbulu lill-ġust
għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.
Jekk il-ġust hu iben Alla,
jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu
u nkejlu sa fejn jasal sabru.
Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu.”
 

Salm Responsorjali

Rl. : Il-Mulej hu dak li jżommni
 
B’ismek, o Alla, salvani;
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi;
agħti widen għal kliem fommi. Rl.
 
Għax nies kburin qamu kontrija,
nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux ’l Alla quddiem għajnejhom. Rl.
 
Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;
il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;
irrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb. Rl.
 
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Għeżież, fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull
xorta ta’ ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi,
imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu
ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li
jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.
Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan,
mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu
xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad
tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu,
u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu
fix-xalar.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs
il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli
tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u
joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.” Iżda
huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu
qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta,
għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi
ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u
jkun qaddej ta’ kulħadd.”
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn
dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin
minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili,
imma lil dak li bagħatni.”

1 Comment

  1. Well done for your interesting website

Ikkummenta