L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?
 

Salm Responsorjali

Rl. : Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin
 
Inħobb il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen
fil-jum li fih sejjaħtlu. Rl.
 
Il-ħbula tal-mewt dawruni,
l-irbit tal-imwiet ħakimni;
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
“Mulej, nitolbok, salvani!” Rl.
 
Ħanin il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej;
jien kont magħkus, u hu ħelisni. Rl.
 
Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti,
lil għajnejja mid-dmugħ
u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
f’art il-ħajjin. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex
fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi?
Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’
kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u
kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem,
dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex
l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.
Imma xi ħadd jista’ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil.”
Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi
mill-għemil tiegħi.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Hu meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.
 
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn
l-irħula ta’ ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu
għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” Weġbuh u
qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed
mill-profeti.” Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”
Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.” Imbagħad ordnalhom
ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.
U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati
ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba,
joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar.
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli
tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan,
għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi
ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi
warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu
għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu
l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”

About the author

Ikkummenta