Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 17, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna
 
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. Rl.
 
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. Rl.
 
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li
daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u
nistqarruha.
Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder
id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna
f’kollox, minbarra d-dnub.
Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex
naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi,
imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u
qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.”
“Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina
noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug
fil-glorja tiegħek.”
Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila
tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li
biha se nitgħammed jien?” “Għandna,” qalulu. Imbagħad qalilhom
Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll
bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed
joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi
li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”
L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal
Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk
in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu
fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.
Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom,
għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom,
għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem,
hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu
b’fidwa għall-kotra.”

Ikkummenta