Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 2, 2015 in Liturġija tal-Ħadd, Uncategorized | 0 comments

Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Il-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu.
Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.”
U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaggi u t-tajr kollu
tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u
skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha.
U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull
annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna
tgħodd għalih.
U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad.
U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej
Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha
lill-bniedem.
Imbagħad il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi għadma minn għadmi,
u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel ittieħdet hi.”
Għalhekk ir-ragel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’
martu u jsiru ġisem wieħed.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna
 
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! Rl.
 
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. Rl.
 
Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! Rl.
 
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek!
Sliem għal Iżrael! Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas
mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja
u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla,
il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.
Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal
ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom
ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi.
Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll
huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom
ħutu.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Lil Alla għadu ħadd ma rah,
imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina,
u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh
jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom
Mosè?” Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba
tad-divorzju, u jibgħatha.” Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba
l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu
tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.
Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’
martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn,
imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu
l-bniedem.”
Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu
qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’
adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u
tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.”
Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli
tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u
qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax
ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li
min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx
fiha.” Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u
berikhom.

Ikkummenta