It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 10, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Jien tlabt u qlajt l-għaqal;
sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu tal-għerf.
Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,
u ntbaħt li l-għana mhu xejn ħdejh.
Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,
għax id-deheb kollu ħdejh mhuwiex ħlief ftit ramel,
u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.
Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,
u għoġobni aktar mid-dawl;
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.
Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,
u miegħu ġiebli għana bla qjies.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej
 
Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. Rl.
 
Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ferraħna daqskemm għakkistna,
għas-snin li fihom rajna l-ħsara. Rl.
 
Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ idejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla
b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u
l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu
miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta
mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu:
“Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”
Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb
ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la
tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor;
weġġaħ lil missierek u ’l ommok.”
U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn
żgħożiti.” Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu:
“Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok
teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” Imma għal dan
il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu
bosta ġid.
Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu:
“Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” Id-dixxipli
stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm
hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel
jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’
Alla.” Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor:
“Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom:
“Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva;
għax għal Alla kollox jista’ jkun.”
Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.”
Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba
fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom
jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma
hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix,
għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u
għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien
li ġej.”

Ikkummenta