San Ġiljan 125 Sena Parroċċa (1891-2016)

Posted by on October 14, 2015 in Featured Article, San Ġiljan 125 Sena Parroċċa | 1 comment

San Ġiljan 125 Sena Parroċċa (1891-2016)

Minn dan ix-xahar ħa nibdew nagħtu ftit informazzjoni li ser teħodna lura tul dawn il-125 sena tal-parroċċa tagħna.  Illum ser nibdew mis-sena 1848 meta n-nies ta’ San Ġiljan għamlu rikors lill-Arċisqof Publiju Sant biex il-knisja dak iż-żmien dedikata  lill-Axxensjoni tal-Mulej (Lapsi) u San Ġiljan jagħtiha ftit awtonomija minn Birkirkara.  F’dik is-sena stess, iġifieri fl-1848 huwa għamel l-ewwel viżta pastorali tiegħu ġo San Ġiljan u mal-ewwel kien favur it-talba tal-Ġiljaniżi.  Fit-22 t’April, 1849, waqt żjara pastorali ġewwa Birkirkara, l-Arċisqof Sant ħatar lill-qassis Dun Ġużepp Xerri bħala l-ewwel Viċi Parrokku tal-knisja ta’ San Ġiljan.  Il-prepostu ta’ Birkirkara dak iż-żmien kien il-Kanonku Dun Ġużepp Debono, li ma sab l-ebda’ oġġezzjoni biex il-knisja ta’ San Ġiljan tiġi mtella għat-titlu ta’Viċi Parroċċa.

 

dgx 001 (Copy)

Dun Ġużepp Xerri għandu importanza kbira fl-istorja tal-parroċċa tagħna.  Imma min kien dan il-qassis ? “Jiena ta’ nisel karkariż, imwieled u mgħammed f’Birkirkara.”

Twieled fil-11 t’Ottubru 1823 minn Marija nee Aquilina u Kostantin Xerri.  Xerri ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’Marzu 1848.  Dun Ġużepp Xerri nħatar Viċi-parrokku waħdieni ġo San Ġiljan fl-1849.  Beda’ l-ħidma pastorali tiegħu fil-5 t’Awwissu 1849.  Huwa sab diversi problemi li kellu jsolvihom ftit ftit, fosthom it-tkabbir tal-knisja f’Awwissu tal-1852.  Dun Ġużepp Xerri ħallas għall-Battisteru mqiegħed ħdejn il-bieb ta’ barra.  Fl-24 ta’ Frar 1859 ġiet mgħammda l-ewwel tarbija li isimha hu reġistrat ġewwa San Ġiljan. Fil-knisja ta’ Lapsi bdew isiru wkoll Żwiġijiet u Funerali, dan kollu minkejja li l-knisja kienet biss viċi parroċċa.  Li hu żgur hu li Dun Ġużepp Xerri kellu viżjoni.  Min jaf qgħadx għaddietlu minn moħħu li hu għad jiġi maħtur bħala l-ewwel kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġiljan !

1 Comment

  1. Prosett ta l informazzjoni.Kburija li jien min B’kara u kburija li gejt noqod f’post pittoresk ta San Giljan.

Ikkummenta