It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on November 14, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

F’dak iż-żmien il-poplu tiegħek jinħeles.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq
ulied il-poplu tiegħek.
Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu
minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih
il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba
fil-ktieb.
U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min
għall-ħajja ta’ dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.
Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u
dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb
għal dejjem ta’ dejjem.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn
 
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. Rl.
 
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. Rl.
 
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra lil-Lhud
Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u
jerġa’ joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet.
Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad
għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna
sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu
b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.
Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir
aktar l-offerta għad-dnubiet.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ishru u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri
u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
Rl. Hallelujah
 
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq
kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb
jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.
Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi
glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin
tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.
Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha
tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll
meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.
Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan
kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.
Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli
fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.”

Ikkummenta