It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif
wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab.
Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma
x’nixrob.”
Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok,
kisra ħobż f’idek.” Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla
tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt
fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji
xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu.”
Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel
agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u
għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra
tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar
li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.”
U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien,
hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus
taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.
 

Salm Responsorjali

 
Rl. : Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. Rl.
 
Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej jħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. Rl.
 
Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra lil-Lhud
Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu
biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa
jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien
għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena
fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien
ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.
Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet,
biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub
għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir
il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss
biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra,
mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin
jistennewh bil-ħerqa.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid:
“Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi
twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu
fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu
ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu.
Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”
Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies
fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira
u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.
Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din
l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax
dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha,
tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

About the author

Ikkummenta