Kristu Sultan

Posted by on November 22, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Kristu Sultan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel.  7, 13-14

 

Bil-lejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu.  U lilu ngħatat ħakma, ġieh u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu saltna li ma tinqeridx.

 

Salm Responsorjali

Ritornell: Il-Muej isaltan, il-kobor libes.

 

Il-Mulej isaltan, il-kobor libes,

Libes il-Mulej, tħażżem bis-sewwa.

 

Id-dinja fis-sħiħ, ma titħarrikx,

It-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;

Minn dejjem int.

 

Il-kmandamenti tiegħek fis-sod qegħdin;

Qdusija lil darek tixraq, Mulej,

Sa kemm itulu l-jiem.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  1, 5-8.

 

Ġesù Kristu hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja.  Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Ara, huwa ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh ukoll dawk li kienu nifduh; u razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fik.  Iva.  Ammen!

 

Il-Bidu u t-Tmiem huwa jien, igħid il-Mulej Alla, li kien, u li hu, u li għad irid jiġi, dak li jista’ kollox.

Versett:

Hallelujah.

Imbierek min ġej f’Isem il-Mulej!  Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!

Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  18, 33b-37.

 

F’dak iż-żmien: Pilatu qal lil Ġesù: “Inti s-sultan tal-Lhud?”  Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn rajk?  Jew kienu l-oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi?  Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja.  X’għamilt?”

 

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ did-dinja.  Li kieku saltnati kienet ta’ did-dinja, il-għases tiegħi jiġġieldu biex ma ninagħtax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhix ta’ hawn.”  Pilatu qallu: “Mela int sultan?”

 

U Ġesù wieġeb: “Qiegħed tgħid li jien sultan.  Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nuri l-verità.  U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

Ikkummenta