Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi

Posted by on December 26, 2015 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien Anna tqalet, u meta wasal żmienha wildet iben u
semmietu Samwel «għaliex – kif qalet hi – tlabtu lill-Mulej.» Elkana
bil-familja kollha tala’ joffri s-sagrifiċċju ta’ kull sena lill-Mulej u
jtemm il-wegħda tiegħu. Imma Anna ma telgħetx, għaliex qalet
lil żewġha: «Meta nkun ftamt it-tifel, imbagħad nieħdu biex jidher
quddiem il-Mulej, u jibqa’ hemm għal dejjem.»
U meta fatmitu, Anna tellgħet ‘il binha magħha fid-dar tal-Mulej
f’Silo. Ħadet magħha gendus ta’ tliet snin, efa dqiq u żaqq inbid, u
marret bit-tfajjel magħha. Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel
quddiem Għeli, u qaltlu: «Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi,
jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-Mulej. Għal
dan it-tifel kont tlabt, u l-Mulej laqa’ t-talba tiegħi, u tani li tlabtu. U
issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u kemm idum
ħaj ikun tal-Mulej.» U qiemu lill-Mulej hemmhekk.

Salm Responsorjali

Rl. : Henjin dawk li jgħammru f’darek, Mulej

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek,
Mulej tal-eżerċti!
Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. Rl.

Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
li għandhom għal qalbhom il-pellegrinaġġ għat-tempju. Rl.

Mulej, Alla tal-eżerċti, isma’ talbi;
agħti widen, Alla ta’ Ġakobb.
Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna,
ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu
wlied Alla, u hekk aħna tassew! Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex,
għax ma għarfitx lilu.
Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem
mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna
nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.
Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna
qawwija quddiem Alla, u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu,
għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li
jogħġob lilu.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Mulej iftħilna qalbna
biex nifhmu dak li jgħid Ibnek.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm
għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont
id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu
t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu
l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu
fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom
u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura
Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema,
jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb
bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.
Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: «Ibni, dan għaliex għamiltilna
hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna
maqsuma.» U hu qalilhom: «U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma
tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?» Iżda kliemu ma
fehmuhx.
Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom.
U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk
Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u
quddiem il-bnedmin.

Ikkummenta