“Se tnissel fil-ġuf u jkollok iben, u ssemmih Ġesù.”

L-arkanġlu Gabrijel jgħarraf lill-Verġni r-rieda tal-Mulej li hi ssir omm Ibnu l-waħdieni: “Se tnissel fil-ġuf u jkollok iben, u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir u jissejjaħ Bin il-Għoli” (Lq 1, 31-32).  Ejjew inwaqqfu ħarsitna fuq din it-tfajla sempliċi minn Nazaret, fil-mument meta hi tagħmel lilha nfisha disponibbli għall-messaġ ta’ Alla bl-“Iva” tagħha; se nieħdu żewġ aspetti importanti mill-imġieba tagħha, din l-imġieba li hi ta’ eżempju għalina ta’ kif għandna nħejju ruħna għall-Milied.

L-ewwel nett hemm il-fidi tagħha, l-imġieba tagħha li hija msawwra fuq il-fidi, li tisma’ l-Kelma ta’ Alla biex imbagħad tkun tista’ tintelaq f’din il-Kelma bid-disponibilità kollha ta’ moħħha u ta’ qalbha.  Fir-risposta li tagħti lill-Anġlu Marija qalet: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (v. 38).  Bl-“hawn jien” tagħha mimli fidi, Marija ma tafx liema toroq se jkollha taqbad, liema duluri se jkollha ġġarrab, liema riskji se ssib ma’ wiċċha.  Imma taf li dak li qiegħed jitlobha huwa l-Mulej u hi tafdah bis-sħiħ, tintelaq fl-imħabba tiegħu.  Din hija l-fidi ta’ Marija!

Aspett ieħor huwa l-kapaċità ta’ Omm Kristu li tagħraf iż-żmien ta’ Alla.  Marija hija dik li għamlet possibbli l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, “ir-rivelazzjoni tal-misteru, moħbi fis-skiet għal-sekli sħaħ” (Rm 16, 25).  Għamlet possibbli l-inkarnazzjoni tal-Verb grazzi għall-“iva” umli u kuraġġjuża tagħha.  Marija tagħllimna kif nilqgħu l-mument it-tajjeb li fih Ġesù jgħaddi fil-ħajja tagħna u jitlob minnha tweġiba f’waqtha u ġeneruża.  U Ġesù jgħaddi.  Fil-fatt, il-misteru tat-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem, li seħħ fl-istorta tal-bniedem aktar minn elfejn sena ilu, iseħħ, bħala ġrajja spiritwali, fl-“illum” tal-Liturġija.  Il-Verb, li sab għamara fil-ġuf verġinali ta’ Marija, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Milied jiġi jħabbat mill-ġdid lill-qalb ta’ kull nisrani: jgħaddi u jħabbat.  Kull wieħed minna huwa msejjaħ biex iwieġeb, bħal Marija, b’“iva” personali u sinċiera, u biex ipoġġi lilu nniffsu għal kollox għad-dispożizzjoni ta’ Alla, tal-hniena tiegħu u tal-imħabba tiegħu.  Kemm-il darba Ġesù jgħaddi f’ħajjitna, kemm ‘il darba jibgħatilna anġlu, u kemm-il darba ma nindunawx għax inkunu mehdijin wisq, mgħarrqa fi ħsibijietna, fl-impenji tagħna, u jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna, jitlob li nilqgħuh, jitlobna “iva”, bħal dik ta’ Marija.  Wieħed qaddis kien jgħid: “Nibża li jgħaddi l-Mulej”  Tafu għalfejn kien jibża?  Kien jibża’ li jgħaddi u ma jindunax bih.  Meta aħna nħossu f’qalbna: “Nixtieq inkun persuna aħjar… jisgħob bija minn dak li għamilt…”  dan hu l-Mulej li qed iħabbat.   Iġegħlek tħossok hekk: ix-xewqa li tkun aħjar, ix-xewqa li tkun eqreb lejn l-oħrajn, lejn Alla.  Jekk tħoss dan, ieqaf.  Hemm il-Mulej hemm!  U mur itlob, forsi tqerr ukoll, biex tnaddaf ftit… dan jagħmel tajjeb.  Imma ftakar: jekk tħoss ir-rieda li ssir persuna aħjar, dak hu l-Mulej li qed iħabbat: tħallihx għaddej.

Fil-misteru tal-Milied, ħdejn Marija hemm il-preżenza siekta ta’ San Ġużepp, kif jidher f’kull presepju.  L-eżempju ta’ Marija u Ġużeppi hu għalina lkoll stedina biex nilqgħu lil Ġesù b’qalb miftuħa għal kollox, li għalina sar ħuna.   Hu ġej biex iġib lid-dinja d-don tal-paċi: “Paċi fl-art lill-bnedmin li Hu jħobb” (Lq 2, 14), kif ħabbru l-anġli flimkien lir-rgħajja.  Ir-rigal prezzjuż tal-Milied hija l-paċi, u Kristu huwa l-paċi tagħna.  U Kristu jħabbat lill-qalb tagħna biex itina l-paċi, il-paċi tar-ruħ.  Ejjew niftħu l-bibien għal Kristu!

Ejjew nintelqu f’idejn Ommna u f’idejn San Ġużepp biex ngħixu Milied tassew nisrani, ħielsa minn kull ħaġa tad-dinja, lesti beix nilqgħu lis-Salvatur, l-Alla-magħna. Dan huwa l-awgurju tiegħi lilkom ilkoll għal dan il-Milied 2015.

Fr Claude

About the author

Ikkummenta