It-Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija
F’dak iż-żmien, Esdra l-qassis ġieb il-Ktieb tal-Liġi quddiem
il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu
jifhmu dak li jisimgħu.
U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u
dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem
Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma’ l-qari tal-Ktieb tal-Liġi.
Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk tal-injam, li kienu waqqfu
għall-okkażjoni.
Esdra fetaħ il-Ktieb u raħ kulħadd jagħmel dan billi kien
fil-għoli ’l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam
bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu
b’idejh merfugħin ‘il fuq wieġeb: «Ammen, ammen.» U nxteħtu
għarkupptejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima lill-Mulej.
Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw
il-qari. Neħemija, li kien il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u
l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha:
«Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux
u tibkux!» Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem
il-Liġi.
U żiedu jgħidulhom: «Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu
nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li
għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewdux qalbkom,
għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom.»

Salm Responsorjali

R l . : Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja

Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. Rl.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal il-għajnejn. Rl.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. Rl.

Ħa jkunu milqugħa quddiemek
kliem fommi u ħsieb qalbi,
Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri
kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk
ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed
biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew
ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.
Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna
membri. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru
tiegħu.

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

Rl. Hallelujah

Evanġelju

Bidu tal-Evanġelju skont San Luqa

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni
f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna
dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri
tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha
qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidunett, deherli
li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità
sħiħa dwar kulma tgħallimt.
Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija;
u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien
jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd.
U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien
imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb
ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
«L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej.»
Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad
bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu.
U beda jgħidilhom: «Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.»

About the author

Comments

Ikkummenta