Il-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on February 6, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L_Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq
tron għoli merfugħ ‘il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju.
’Il fuq minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil
xulxin:
«Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu.»
Bl-għajjat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela
bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:
«Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!
U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti.»
Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad
bi mqass minn fuq l-artal, u messli fommi biha u qalli:
«Ara, din messitlek xufftejk:
ħżunitek għebet, u dnubek inħafer.»
Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: «Lil min se nibgħat? Min se
jmurilna?» U jien weġibt: «Hawn jien: ibgħat lili!»
 

Salm Responsorjali

Rl. : Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek
 
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. Rl.
 
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. Rl.
 
Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu l-kliem ta’ fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej! Rl.
 
Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk. Rl.
 

It_Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom
ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li
jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux
għal xejn.
Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu
miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam
mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa,
u mbagħad lit-Tnax.
Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna
minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu.
Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili
wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien
l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu,
għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.
Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma
sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux
jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew huma u sew jien,
dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ejjew warajja,
u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu
kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes
qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu
qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’
Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ‘il barra mill-art; imbagħad qagħad
bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.
Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: «Aqdef ‘il barra fil-fond,
u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.» Wieġbu Xmun u qallu:
«Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma,
la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.» Hekk għamlu, u qabdu
kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.
Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex
jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit
ma għerqux.
Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: «Tbiegħed
minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!» Għax baqgħu tassew
mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal
dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni,
ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun:
«Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.» Meta mbagħad
ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Ikkummenta