It-Tielet Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’
Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb,
il-muntanja ta’ Alla.
Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè
ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm.
Mosè qal: «Ħa nersaq u nara din id-dehra tal-għaġeb: għala mhux
jinħaraq l-għollieq?» Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu
minn qalb l-għollieq u qallu: «Mosè, Mosè!» U Mosè wieġeb: «Hawn
jien!» U l-Mulej qallu: «La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn
riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa.» U ssokta jgħidlu:
«Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla
ta’ Ġakobb.» Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.
U l-Mulej qallu: «Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi
fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini
tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn
idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art
tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel.»
Mosè reġa’ wieġeb: «Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u
ngħidilhom: “Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom.”
Huma jistaqsuni: “X’jismu?” Jiena xi ngħidilhom?»
Alla wieġbu: «Jien li Jien.» U kompla jgħidlu: «Hekk għidilhom lil
ulied Iżrael: “Jiena-Hu bagħatni għandkom.”» U Alla kompla
jgħidlu: «Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: “Jaħweh, Alla
ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb,
bagħatni għandkom.” Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem
ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.»

Salm Responsorjali

Rl. : Ħanin u twajjeb il-Mulej


Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. Rl.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. Rl.

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. Rl.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll kienu taħt
is-sħaba, ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè
fis-sħaba u fil-baħar, ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu
tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata
kienet Kristu – madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma
għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.
Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ
ħżiena, bħalma xxennqu huma.
Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u
qeridhom il-Qerried. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi
twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet. Min jidhirlu li
hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej
għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk
il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi
tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: «Taħsbu intom li
dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew
dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu
bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’
Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra
ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll
tintilfu xorta waħda.»
U qalilhom din il-parabbola: «Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla
fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak
li kien jaħdimlu l-għalqa: “Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din
is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se
tibqa’ tkidd l-art?” Iżda dak wieġbu: “Inti ħalliha, sinjur, għal din
is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla
għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.”»

About the author

Ikkummenta