In-Nisrani hu mdaħħal fi storja ta’ Dnub u ta’ Grazzja

Posted by on March 2, 2016 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

In-Nisrani hu mdaħħal fi storja ta’ Dnub u ta’ Grazzja

In-Nisrani hu mdaħħal fi storja ta’ dnub u ta’ grazzja dejjem bl-alternattiva quddiemu: jew iservi jew jinqeda b’ħutu l-bnedmin l-oħra. Għaldaqstant iż-żewġ identitajiet tan-Nisrani huma l-istorja u s-servizz.  L-ewwel l-istorja: San Pawl, San Pietru u l-ewwel dixxipli ma kinux iħabbru lil Ġesù mingħajr l-istorja: huma kienu jħabbru lil Ġesù mwaħħad mal-istorja tal-poplu, il-poplu li Alla ħalla jimxi għal sekli sħaħ qabel ma wasal għall-maturità, għall-milja taż-żminijiet.  Alla jidħol fl-istorja u jimxi mal-poplu tiegħu.

In-Nisrani hu bniedem tal-istorja, għax mhux tiegħu innifsu, imma hu parti minn poplu, poplu f’mixja.  Ma nistgħux nimmaġinaw egoiżmu Nisrani, dan ma jgħoddx.  In-Nisrani mhux raġel jew mara tal-laboratorju spiritwali imma raġel, mara spiritwali li jiffurmaw parti minn poplu li għandu storja twila u għadu għaddej f’mixja sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi.

Hija storja ta’ grazzja imma wkoll ta’ dnub.  Kemm dnubiet, kemm offiżi. L-istorja tagħna tieħu fuqha qaddisin u midinbin.  Hija l-istorja tiegħi personali, ta’ kull wieħed u waħda minna, ilkoll irridu nieħdu responsabbiltà ta’ dnubietna u tal-grazzja tal-Mulej li qiegħda magħna, li takkumpanjana fid-dnub biex taħfer u takkumpanjana wkoll fil-grazzja.  Mhemmx identità Nisranija mingħajr storja.

It-tieni karatteristika tal-identità Nisranija huwa s-servizz: Ġesù jaħsel saqajn l-Appostli u jistedinna nagħmlu bħalu: inservu.

L-identità Nisranija hija l-qadi mhux l-egoiżmu.  Tgħiduli, lkoll kemm aħna ftit jew wisq egoisti.  Minnu.  Imma hu dnub, hija drawwa li għandna ninqatgħu minnha.  Nitolbu maħfra biex il-Mulej jikkonvertina.  Aħna msejħin għall-qadi.  Li tkun Nisrani mhix xi ħaġa tad-dieher jew xi atteġġjament soċjali, mhix li tagħmel ftit irtokk f’ruħek ħalli tagħmilha ftit isbaħ.  Li tkun Nisrani jfisser li tagħmel dak li għamel Ġesù: isservi.

F’qalbi x’qed nagħmel l-aktar?  Irrid lil ħaddieħor jaqdini, ninqeda b’ħaddieħor, bil-komunità, bil-parroċċa, bil-familja tiegħi, bi ħbiebi, jew inservi u nqiegħed is-servizz tiegħi għall-użu tal-oħrajn?

Nawguralkom ilkoll żmien qaddis tal-Għid tal-Mulej, li lkoll inkunu lesti li nimxu fuq il-passi tal-Imgħallem tagħna li qam minn bejn l-Imwiet biex jurina li aħna dixxipli mhux tal-kalvarju biss imma wkoll tal-qabar vojt, li jfisser ħajja ġdida fiĦ.

L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

Fr Claude

Ikkummenta