It-tgħannieqa mimlija mħabba ta’ Alla

Posted by on April 1, 2016 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

It-tgħannieqa mimlija mħabba ta’ Alla

Mhux l-imħabba kollha ġejja minn Alla, imma Alla hu l-veru mħabba. Imħabba, kumpassjoni: il-bniedem u Alla jifhmu dawn iż-żewġ kunċetti b’mod differenti ħafna minn xulxin. Fl-ewwel ittra tiegħu, l-Appostlu Ġwanni jagħmel riflessjoni twila dwar iż-żewġ kmandamenti prinċipali tal-ħajja tal-fidi: l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu.

L-imħabba fiha nfisha hi sabiħa, li tħobb hu sabiħ iżda l-imħabba sinċiera tissaħħaħ u tikber daqskemm wieħed lest li jagħti minn ħajtu. Il-kelma mħabba tintuża ħafna imma spiss ma nafux sew it-tifsira tagħha. X’inhi l-imħabba? Xi drabi naħsbu fl-imħabba tal-artisti, tal-magazines, tan-novelli u tat-televizjoni, imma dik mhix imħabba. L-imħabba tista’ tidher bħala entużjażmu lejn xi persuna oħra… imma din tintefa. Allura minn fejn tiġi l-imħabba vera ? Kull min iħobb kien iġġenerat minn Alla, għax Alla huwa mħabba.

Ġwanni jiġbed l-attenzjoni fuq karatteristika tal-imħabba t’Alla: Alla huwa l-ewwel li jħobb. Prova ta’ dan hi x-xena tal-Vanġelu tat-tkattir tal-ħobż,: Ġesù jħares lejn il-folla u tħassarhom. Din mhix l-istess ħaġa bħal meta ngħidu li “ħassu mnikket”, għax l-imħabba ta’ Ġesù lejn il-bnedmin li jkunu madwaru ġġiegħlu jsofri maħhom, jitwaħħad mal-ħajja tal-persuni. Alla jħobb qabel ma jħobb il-bniedem. Għandna ħafna eżempji ta’ dan: Żakkew, Nantanjel, l-Iben il-Ħali.

Meta jkollna xi ħaġa f’qalbna u jkollna għalfejn nitolbu maħfra lill-Mulej, ikun Hu li jkun qed jistenniena biex jaħfrilna. Dis-Sena tal-Ħniena hi xi ftit jew wisq dan ukoll: li aħna nsiru nafu li l-Mulej qiegħed jistenniena, lil kull wieħed u waħda minna. Għaliex? Biex iħaddanna. Xejn aktar. Biex jgħidilna: “Ibni, inħobbok. Ħallejthom isallbu lil Ibni għalik: dan hu l-prezz tal-imħabba tiegħi.” Dan hu r-rigal tal-imħabba.

Il-Mulej qiegħed jistennini, irid li jien niftaħlu l-bieb ta’ qalbi. Aħna, irid ikollna fina dejjem din iċ-ċertezza. U jekk jitqanqal fina l-iskruplu li aħna m’aħniex denji tal-imħabba t’Alla, ikun aħjar għalina għax Hu qed jistenniena, hekk, kif aħna,mhux kif ifassallek ħajtek ħaddieħor.

Immorru għand il-Mulej u ngħidulu: Inti taf li jiena nħobbok. Jew jekk ma nħossux li għandna ngħidulu hekk nistgħu ngħidu: Inti taf Mulej li nixtieq inħobbok ħafna, imma jien midneb kbir, midinba kbira. U Hu jagħmel l-istess bħalma għamel mal-iben il-ħali li kien ħela ġidu fix-xalar. Lanqas iħallik tispiċċa kliemek għax isikktek b’tgħannieqa. It-tgħannieqa tal-imħabba t’Alla.

                                                                                                                       Fr Claude

Ikkummenta