It-Tielet Ħadd tal-Għid

Posted by on April 9, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tielet Ħadd tal-Għid

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sinedriju.
U l-qassis il-kbir qalilhom: «Aħna għednielkom fuq li għednielkom
biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm
bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta’ demm dan
il-bniedem!»
Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal: «Jeħtieġ nobdu
aktar lil Alla milli l-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li
intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija
tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u
l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien
mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh.»
Lill-appostli wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux
fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu
minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li
jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.

Salm Responsorjali

Rl. : Ngħollik, Mulej, għax erfajtni

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt ‘il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. Rl.

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. Rl.

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi!
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi.
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u
x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet
ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, jgħidu b’leħen qawwi:
«Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u s-saħħa
u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir.»
U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom,
smajthom jgħidu: «Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta’ dejjem.»
L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu:
«Ammen!» filwaqt li x-Xjuħ inxteħtu jagħtu qima.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Kristu qam mill-imwiet, hu li ħalaq id-dinja,
u fil-ħniena tiegħu salva lill-bnedmin kollha.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’
Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi,
Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra
mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: «Sejjer
nistad.» Qalulu: «Ħa niġu miegħek aħna wkoll.» Marru, rikbu
d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma
kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: «Għandkom x’tieklu, ħbieb?»
«Le,» weġbuh. Qalilhom: «Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin
tad-dgħajsa u ssibu.» Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux
jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal
lil Pietru: «Il-Mulej dan!» Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien
il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’
l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art,
imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom
ix-xibka bil-ħut.
Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu,
u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: «Newlu ’l hawn xi ħutiet minn
dawk li għadkom kemm qbadtu.» Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa
u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira;
u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù:
«Ejjew, kulu.» Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: «Int min
int?», għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u
newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet
darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: «Xmun bin
Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?» Wieġbu: «Iva, Mulej, int
taf li nħobbok.» Qallu: «Irgħa l-ħrief tiegħi.» Staqsieh għat-tieni
darba: «Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?» Wieġbu: «Iva, Mulej, int
taf li nħobbok.» Qallu: «Irgħa n-nagħaġ tiegħi.» Għat-tielet darba
staqsieh: «Xmun bin Ġwanni, tħobbni?» Pietru ħass għafsa ta’ qalb
għax staqsieh għat-tielet darba: «Tħobbni?», u qallu: «Mulej, int
taf kollox, inti taf li nħobbok.» Qallu Ġesù: «Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem
waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u
ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!» Dan qalu biex
ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù
ssokta jgħidlu: «Ejja warajja.»

Ikkummenta