Għid il-Ħamsin

Posted by on May 13, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Għid il-Ħamsin

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post
wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u
mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom
tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew
ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma
l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon
li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra
kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom
jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu:
«Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela
kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art
twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja,
mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja,
mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar ċireni, nies li
ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta
u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna
l-għeġubijiet ta’ Alla!»

Salm Responsorjali

Rl. : Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. Rl.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. Rl.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa
intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba
hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux
fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.
Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet
minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba
l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet
jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem
għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li
jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu
skont il-ġisem. Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma
jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li
jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.
Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex
terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom
ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: «Abbà! Missier!» Dan
l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk
aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’
Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Jekk tħobbuni, ħarsu
l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom
Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna
niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi.
U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li
bagħatni.
Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur,
l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u
jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.»

Ikkummenta