Il-Ħniena tħassar id-dnub

Fl-okkażjoni tas-Sena Ġubilari tal-Ħniena wieħed mis-salmi li żgur jgħinna fir-riflessjoni tagħna fuq dan l-attribut ta’ Alla li tant nisimgħu u nitkellmu dwaru huwa propju s-Salm 51, magħruf bħala l-Miserere.  F’din it-talba penitenzjali, qabel tintalab il-maħfra, tiġi l-istqarrija tal-ħtija, u min qed jitlob, huwa u jħalli l-imħabba ta’ Alla ssaffih, isir ħlejqa ġdida, li kapaċi jobdi, hu mimli bi spirtu qawwi u jrid ifaħħar lil Alla mill-qalb.

It-“titlu” li t-tradizzjoni antika Lhudija tat lil dan is-Salm jirriferi għas-sultan David u għad-dnub tiegħu ma’ Betsabea, mart Urija l-Ħitti. Is-sultan David, imsejjaħ minn Alla biex jirgħa lill-poplu tiegħu u jmexxih fit-triq ta’ l-ubbidjenza għal-Liġi divina, jittradixxi l-missjoni tiegħu u, wara li jagħmel adulterju ma’ Betsabea, jibgħat lil żewġha għall-mewt.  Xi dnub ikrah!  Il-profeta Natan jikxiflu dnubu u jgħinu jagħraf il-ħtija tiegħu.  Hawn isseħħ ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, fl-istqarrija ta’ dnubu.  U hawn David kien umli wkoll.

Min jitlob b’dan is-Salm hu mistieden jagħmel tiegħu l-istess sentimenti ta’ ndiema u ta’ fiduċja f’Alla li kellu David meta ntebaħ bid-dnub tiegħu u nidem u, anki jekk kien sultan, iċċekken bla ma beża’ jistqarr ħtijietu u jistqarr il-miżerja tiegħu quddiem il-Mulej, imma konvint miċ-ċertezza tal-ħniena tiegħu.  U ma kienx xi dnub żgħir, xi gidba ċkejkna, dak li kien għamel: kien għamel adulterju u qtil biex jissodisfa d-dnub tiegħu stess. Is-Salm jiftaħ b’dan il-kliem ta’ supplika:

“Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek

ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi” (vv. 3-4).

L-invokazzjoni hi indirizzata lejn Alla tal-ħniena biex, imqanqal minn imħabba kbira bħal dik ta’ missier u ta’ omm, ikollu ħniena, jiġifieri jagħti l-grazzja, juri r-riżq tiegħu bi tjieba u komprensjoni.  Hi karba ħierġa mill-qalb lil Alla, li hu biss jista’ jeħles mid-dnub.  Jintużaw xbihat bħal: ħassar, aħsilni, saffini.  F’din it-talba jidher il-bżonn veru tal-bniedem: l-unika ħaġa li tassew għandna bżonn f’ħajjitna hi dik li niġu maħfura, meħlusa mill-ħażen u mill-konsegwenzi tiegħu li jġibu l-mewt.  B’xorti ħażina, il-ħajja spiss iddewwaqna dawn is-sitwazzjonijiet; u qabel xejn huwa f’dawn il-mumenti li rridu nafdaw fil-ħniena.  Alla hu ikbar mid-dnub tagħna. Alla hu akbar mid-dnubiet kollha li nistgħu nagħmlu aħna.  Alla hu ikbar mid-dnub tagħna.  U l-imħabba tiegħu hi oċean li fih nistgħu nintefgħu bla ebda biża’ li negħrqu: il-maħfra għal Alla tfisser li jagħtina ċ-ċertezza li Hu qatt m’hu ħa jitlaqna waħidna.  Tkun xi tkun il-ħtija tagħna li l-kuxjenza ċċanfarna biha, Hu xorta waħda hu dejjem akbar minn kollox (ara 1 Ġw 3:20), għax Alla hu akbar mid-dnub tagħna.

Aħna midinbin, imma bil-maħfra nsiru ħolqien ġdid, imfawra bl-Ispirtu u mimlija bil-hena.  Issa tibda realtà ġdida għalina: qalb ġdida, ruħ ġdida, ħajja ġdida.  Iva, midinba maħfura, li lqajna l-grazzja divina, u nistgħu saħansitra ngħallmu lill-oħrajn kif ma jidinbux iżjed.

Fr Claude

About the author

Ikkummenta