It-Trinità Qaddisa

Posted by on May 22, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji
Dan jgħid il-Għerf ta’ Alla:
«Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu,
sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.
Sa minn dejjem twaqqaft, mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.
Kien għad m’hemmx l-ibħra l-kbar,
meta tnissilt jien, kien għad m’hemmx għejun inixxu l-ilma;
qabel ma tqiegħdu l-muntanji, qabel l-għoljiet jien twelidt.
Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba’ tagħha,
u lanqas l-ewwel traba tal-art.
Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,
meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,
meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,
u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta’ qiegħ il-baħar;
meta ħażżeż trufijiet il-baħar, biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;
meta qiegħed sisien l-art,
jien kont maġenbu bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu,
jum wara ieħor, nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;
nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin,
nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.»

Salm Responsorjali

Rl. : Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih? Rl.

Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk! Rl.

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:
in-nagħaġ u l-baqar kollha, sal-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq fil-baħar. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla,
permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul
bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li
għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.
Mhux biss dan: imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li
s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama.
U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi
qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lill-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Baqagħli ħafna
ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta
jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu
ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom
il-ġejjieni.
Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru
lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt
li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.»

Ikkummenta