Il-Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari


Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Natan qal lil David: «Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’
Iżrael: Jiena dliktek sultan fuq Iżrael, jiena ħlistek minn idejn Sawl;
u tajtek id-dar ta’ sidek u n-nisa ta’ sidek fi ħdanek; tajtek id-dar ta’
Iżrael u ta’ Ġuda; u jekk dan kien għadu ftit, kont inżidlek daqshekk
ieħor.
Għaliex mela stmerrejt il-kelma tal-Mulej u għamilt il-ħażin
f’għajnejh? Drabt lil Urija l-Ħitti bix-xabla, ħadtlu ’l martu b’martek,
u lilu qtiltu bix-xabla tal-Għammonin.
U issa ma titwarrab qatt ix-xabla mill-familja tiegħek talli int
stmerrejtni, u ħadt lil mart Urija l-Ħitti biex tkun martek.»
U David qal lil Natan: «Jiena dnibt kontra l-Mulej!» U Natan
wieġbu: «Il-Mulej ukoll ħafirlek dnubek; int ma tmutx.»

Salm Responsorjali

Rl. : Aħfirli, Mulej, il-ħażen ta’ dnubi

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! Rl.

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.
Jien għedt: «Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti.»
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. Rl.

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni,
iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.
Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;
għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, aħna li nafu li l-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri
tal-Liġi imma bil-fidi f’Ġesù Kristu, aħna wkoll emminna f’Ġesù
Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri
tal-Liġi, għaliex bl-opri tal-Liġi ebda bniedem ma jkun iġġustifikat.
Imma jien permezz tal-Liġi mitt għal-Liġi biex ngħix għal Alla;
issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija
Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben
ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.
M’iniex inġib fix-xejn il-grazzja ta’ Alla; għax kieku l-ġustifikazzjoni
kellha tiġi mil-Liġi, Kristu kien ikun miet għal xejn.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu
biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, wieħed mill-fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol
miegħu. Ġesù daħal għand il-fariżew u qagħad għall-ikel. Issa
fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed
għall-ikel fid-dar tal-fariżew; ġiebet vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ;
u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh
bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u
dilkithomlu biż-żejt ifuħ.
Kif ra hekk il-fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: «Dan, li kien
profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien
ikun jaf, għax hi midinba!»
Imma Ġesù qabad u qallu: «Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.»
Qallu dak: «Għid, mgħallem.» «Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’
wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor
ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom
it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?» Wieġeb Xmun u qal:
«Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.» «Ħsibtha tajjeb,» qallu Ġesù.
Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: «Qiegħed taraha lil
din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi
riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa
ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi
ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk
ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna;
imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.»
Imbagħad qal lilha: «Dnubietek maħfura.» Dawk li kienu fuq
il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: «Dan min hu biex
jaħfer id-dnubiet ukoll?» Iżda hu qal lill-mara: «Il-fidi tiegħek
salvatek; mur bis-sliem!»

About the author

Ikkummenta