L-GHAXAR HADD MATUL IS-SENA

Posted by on June 4, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-GHAXAR HADD MATUL IS-SENA

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  17, 17-24

 

Wara dawn il-ġrajja marad it-tifel ta’ dik il-mara li kienet sidt id-dar. U ġara li l-marda tqawwiet tant li ma kienx baqagħlu iżjed nifs.  U hi qalet lil Elija:  X’hemm bejni u bejnek, bniedem ta’ Alla? Jaqaw ġejt hawn biex tfakkarni fi ħżuniti u toqtolli ‘l ibni?”  

 

U hu wieġeb: Agħtini lil ibnek.” U ħadu minn ħoġorha, u tellgħu fl-għorfa fejn kien jgħammar hu, u meddu fuq il-mitraħ tiegħu.  U sejjaħ lill-Mulej u qal: Mulej, Alla tiegħi, fuq din l-armla wkoll, li qiegħed magħha, ridt iġġib il-ħsara u toqtlilha lil binha?”  U mtedd tliet darbiet fuq it-tifel, u sejjaħ lill-Mulej u qal: ‘Mulej, Alla tiegħi, ħalli ruħ it-tifel tarġa’ lura fih!’  U l-Mulej sama’ leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja.  U Elija qabad it-tifel u niżżlu d-dar mill-għorfa, u tah lil ommu; u Elija qalilha: Ara, ibnek ħaj.”  U l-mara qalet lil Elija: Issa naf li int bniedem ta’ Alla, u l-kelma tal-Mulej fuq fommok hi s-sewwa.”

Salm Responsorjali

 

Ritornell: Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

 

Salm 29

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli mill-mewt ‘il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki,

fil-għodu jidwi l-għajat ta’ ferħ.

 

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.

Għalhekk ruħi tgħannilek bla head.

 

It-Tieni Qari

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.  1, 11-19

 

Dan ngħarrafkom, ħuti: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien m’huwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.

 

Intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija, kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha; u kemm kont ‘il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta’ mpari, mġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti.  Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku.

 

Mbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd; iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej.

 

Evanġelju

 

Versett:  Hallelujah.  Ilqgħu l-Kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.  Hallelujah.

 

Wara dan imbagħad mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies. 

 

Kif wasal qrib il-bieb  tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha. “Tibkix,” qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”  U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.  In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna” u, “Alla żar il-poplu tiegħu.”  U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

Ikkummenta