It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Elija: «Lil Eliżew bin Safat, ta’
Abel-mehola, idilku profeta flokok.»
Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien
qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed
imexxi t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell
tiegħu. Dan ħalla l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: «Ħallini
mmur insellem lil missieri u ’l ommi, imbagħad niġi warajk.» Qallu
Elija: «Mur u erġa’ ejja; għaliex x’għamiltlek jiena?»
Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom
sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u
kielu. U hu mar wara Elija, u beda jservih.
 

Salm Responsorjali

Rl. : Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi
 
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: «Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek.»
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. Rl.
 
Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. Rl.
 
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. Rl.
 
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ,
u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar.
Intom imma, ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx
b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba.
Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: «Ħobb lil għajrek bħalek
innifsek.» Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li
ma tikkunsmawx lil xulxin!
Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet
tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu
hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma
jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.
Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-Liġi.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Rl. Hallelujah
 
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja,
b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera
qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu
fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer
Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu:
«Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?» Iżda hu
dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor.
Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: «Tmur fejn tmur,
jiena niġi warajk.» U qallu Ġesù: «Il-volpijiet għandhom l-għerien
tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma
għandux fejn imidd rasu.»
Lil wieħed ieħor qallu: «Imxi warajja.» Iżda dak wieġbu: «Ħallini
l-ewwel immur nidfen lil missieri.» Iżda hu wieġbu: «Ħalli l-mejtin
jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.»
U ieħor ukoll qallu: «Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini
nsellem lil tad-dar.» Qallu Ġesù: «Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u
jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.»

About the author

Ikkummenta