Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 9, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: «Il-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid
miegħek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares
l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’
lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha.
Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila għalik u anqas ‘il
bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int tgħid: “Min se jitlgħalna
s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?” U anqas ma hi
’l hemm mill-baħar biex int tgħid: “Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u
jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha?” Imma din il-ħaġa hi
qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha.»

Salm Responsorjali

Rl. : Tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. Rl.

Imma jiena msejken u batut;
terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!
Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. Rl.

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. Rl.

Għax Alla jsalva ’l Sijon,
u jibni l-bliet ta’ Ġuda;
u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Il-kliem tiegħek Mulej, huwa spirtu u ħajja:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù,
staqsieh: «Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?» Qallu
Ġesù: «Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?» U dak wieġeb:
«Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek
kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu
tiegħek bħalek innifsek.» Qallu Ġesù: «Sewwa weġibt; agħmel hekk
u tgħix.»
Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: «U l-proxxmu
tiegħi min hu?» U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: «Wieħed raġel kien
nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn
neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta
kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u
baqa’ sejjer.
Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn
mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed
Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi
biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima
tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu L-għada ħareġ biċċtejn flus,
tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed,
irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.”
Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’
dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?» «Min ħenn għalih,» wieġbu dak.
Qallu Ġesù: «Mur, u agħmel hekk int ukoll.»

Ikkummenta