Il-Ħniena hi Pjeta’

Posted by on July 1, 2016 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Il-Ħniena hi Pjeta’

Fost id-diversi aspetti tal-ħniena, hemm wieħed li jikkonsisti f’li tiġik ħasra jew pjetà quddiem dawk li jeħtieġu l-imħabba. Il-pietas – il-pjetà – hi kunċett preżenti fid-dinja Griega-Rumana, fejn, imma, kien jindika att ta’ sottomissjoni għas-superjuri: qabel xejn il-qima dovuta lill-allat, imbagħad ir-rispett ta’ l-ulied lejn il-ġenituri tagħhom, fuq kollox l-anzjani. Imma l-lum irridu noqogħdu attenti li ma nidentifikawx il-pjetà ma’ dak il-pjetiżmu, pjuttost mifrux, li hu biss emozzjoni superfiċjali u joffendi d-dinjità tal-persuna l-oħra. Bl-istess mod, il-pjetà lanqas m’għandna nifxluha mal-ħasra li tiġina għall-annimali li jgħixu magħna; fil-fatt, ġieli jiġri li nħossu dan is-sentiment għall-annimali, imbagħad nibqgħu berdin quddiem it-tbatijiet ta’ ħutna. Kemm drabi naraw nies imwaħħla mal-qtates, mal-klieb tagħhom, u mbagħad lill-ġar jew ġara li għandhom bżonnhom, ma jgħinuhomx. Hekk mhux sew.

Il-pjetà li dwarha nixtiequ nikteb fuqha hi wirja tal-ħniena ta’ Alla. Hi wieħed mis-seba’ doni ta’ l-Ispirtu s-Santu li l-Mulej joffri lid-dixxiplu tiegħu biex “joqgħod għal kull ma jnebbħu l-Ispirtu s-Santu” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1830). Ħafna drabi fil-Vanġelu nsibu l-karba spontanja li persuni morda, imxajtna, foqra u maħqura għamlu lil Ġesù: “Ikollok ħniena” (ara Mk 10:47-48; Mt 15:22; 17:15). Ġesù kien iweġibhom dejjem b’ħarsa ta’ ħniena u bil-faraġ tal-preżenza tiegħu. F’dawn l-invokazzjonijiet għall-għajnuna u talbiet ta’ pjetà, kull wieħed kien qed jesprimi wkoll il-fidi tiegħu f’Ġesù, meta sejħulu “Mgħallem”, “Bin David” u “Mulej”. Ħassew li Fih kien hemm xi ħaġa m’hix tas-soltu, li seta’ jgħinhom joħorġu mill-qagħda ta’ diqa li fiha kienu jinsabu. Ħassew Fih l-imħabba ta’ Alla  nnifsu. U anki jekk il-folla kienet tagħfas fuqu, Ġesù kien jintebaħ b’dawn l-invokazzjonijiet ta’ pjetà u kien jimtela bil-ħniena, fuq kollox meta kien jara persuni qed ibatu u miġruħa fid-dinjità tagħhom, bħal fil-każ ta’ dik li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm (ara Mk 5:32). Hu kien isejħilhom biex ikollhom fiduċja Fih u fil-Kelma tiegħu (ara Ġw 6:48-55). Għal Ġesù, li tiġik ħniena jfisser li taqsam fit-tbatija u d-diqa ta’ min tiltaqa’ miegħu, imma fl-istess ħin li taħdem int stess biex tibdilha f’ferħ.

Anki aħna msejħin inxettlu f’qalbna atteġġjamenti ta’ pjetà quddiem tant sitwazzjonijiet tal-ħajja, infarfru minn fuqna l-indifferenza li żżommna milli nagħrfu x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ ħutna li jinsabu madwarna u ninħelsu mill-jasar tal-ġid materjali (ara 1 Tim 6:3-8).

Fr Claude

Ikkummenta