Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 23, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien il-Mulej qal: «L-għajta ta’ Sodoma u Gomorra hi
tassew qawwija, u t-toqol ta’ dnubhom hu kbir. U issa se ninżel
u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet
għandi. Jekk le, inkun naf.»
Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma
l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham.
Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: «U int se teqred it-tajjeb
mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw
lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin
ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li
toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess
xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx
ġustizzja.» U l-Mulej wieġeb: «Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust
f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom.»
Wiegeb Abraham u qal: «Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej,
għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa
għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt
kollha?» U wieġbu l-Mulej: «Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa
u erbgħin.»
Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: «U jekk
issib hemm erbgħin?» U wieġbu: «Ma nagħmilx dan, minħabba
l-erbgħin.» Qal Abraham: «La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem:
u jekk jinstabu tletin?» U hu wieġeb: «Ma nagħmilx dan, jekk insib
hemm tletin.» U raġa’ qallu: «Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U
jekk jinstabu hemm għoxrin?» U l-Mulej wieġeb: «Ma neqridhiex
minħabba l-għoxrin.» U wieġeb: «La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’
nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?» U hu
qallu: «Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.»

Salm Responsorjali

Rl. : Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. Rl.

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. Rl.

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti;
terfa’ idek kontra l-għedewwa tiegħi. Rl.

Il-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk! Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, intom indfintu ma’ Kristu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu
permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet.
Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx
iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien
ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li
kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru
mas-salib.

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;
u li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abbà! Missier!
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed
mid-dixxipli tiegħu qallu: «Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni
wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.» U qalilhom: «Meta titolbu, għidu:
“Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib.”»
Qalilhom ukoll: «Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl
u jgħidlu: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib
tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.” U l-ieħor iwieġbu minn
ġewwa u jgħidlu: “Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin
fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.” Ngħidilkom jien, li jekk
ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu
bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu.
U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u
jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat,
jiftħulu.
Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok
ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela
jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ
tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil
dawk li jitolbuhulu!»

Ikkummenta