Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 16, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri;
u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum.
U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli
rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu
fl-art quddiemhom. U qal: «Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk,
tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma
u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom
gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk
għaddejtu għand il-qaddej tagħkom.» U huma qalulu: «Tajjeb,
agħmel kif għedt.»
U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: «Fittex lesti
tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar.» U Abraham mar jiġri
ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex
ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom
quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra,
u huma bdew jieklu. U staqsewh: «Fejn hi Sara, martek?» U hu
weġibhom: «Hemm fl-għarix.» U qallu: «Nerġa’ niġi għandek bħal
dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben.»

Salm Responsorjali

Rl. : Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. Rl.

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. Rl.

Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex
bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu
għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.
Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom,
jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien
moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu
mgħarraf lill-qaddisin tiegħu.
Lil dawn Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja
ta’ dan il-misteru fost il-pagani: Kristu hu fikom, it-tama tal-glorja
tagħkom. Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u
ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem
għall-perfezzjoni fi Kristu.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Henjin dawk li jisimgħu l-kelma
b’qalb tajba u sinċiera,
jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda
mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet
bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.
Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad
resqet u qaltlu: «Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu
fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi.» Qabeż
il-Mulej u qalilha: «Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq
ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar
sehem, li ma jitteħdilhiex.»

Ikkummenta